Gwida għall-ħolqien ta’ għodda ta’ Valutazzjoni tar-Riskji¶
1. Introduzzjoni¶
L-għan tiegħek huwa li toħloq il-kontenut tal-għodda tal-OiRA għall-intrapriżi fis-settur tiegħek, u li toffrilhom din l-għodda speċifika għas-settur. L-għodda tal-OiRA tippromwovi approċċ gradwali lejn il-valutazzjoni tar-riskji u hija magħmula minn ħames fażijiet:
- It-Tħejjija > is-settur jintroduċi l-valutazzjoni tar-riskji lill-utenti aħħarin (l-intrapriżi)
- L-Identifikazzjoni > l-utent aħħari jara l-perikli/il-problemi u jwieġeb IVA jew LE
- Il-Valutazzjoni > l-utent aħħari jivvaluta r-riskji għal kull problema/riskju li jsib
- Il-Pjan ta’ azzjoni > l-utent aħħari jimla pjan ta’ azzjoni b’miżuri li jindirizzaw kull riskju ddikjarat
- Ir-Rapport > il-pjan ta’ azzjoni jsir rapport li jitniżżel u jiġi stampat
1.1 Żomm f’moħħok lill-utent aħħari tiegħek¶
Huwa importanti li tiftakar min hu l-utent aħħari tiegħek: l-intrapriżi mikro u żgħar (min iħaddem u l-ħaddiem(a)) u l-istruttura tal-għodda tal-valutazzjoni tar-riskji għandha tkun kemm jista’ jkun rilevanti għall-attivitajiet ta’ kuljum tal-intrapriżi; l-utent aħħari jaħseb u jaġixxi skont il-proċessi tan-negozju proprju. Spiss, il-mod kif jaħseb l-espert ikun differenti mill-prattika tal-utent aħħari. Dan tal-aħħar jaħseb skont il-proċessi tax-xogħol tiegħu u juża l-lingwa tiegħu. Biex nagħtu xi eżempji:
- L-espert jaħseb dwar ammont ta’ xogħol fiżiku; l-utent aħħari jaħseb dwar xogħol fiżiku
- l-espert jaħseb dwar l-ambjent termali; l-utent aħħari jaħseb dwar ix-xogħol fis-sħana/fil-kesħa
- l-espert jaħseb dwar is-sigurtà u joħloq modulu li jkun jinkludi kwalunkwe ħaġa f’dak il-qasam; l-utent aħħari jista’ jikkunsidra jiftaħx jew jagħlaqx ħanut, pereżempju, u x’ikun jinvolvi, jew kif jaffaċċja klijenti aggressivi u x’jista’ jagħmel dwarhom.
1.2 Uża lingwa faċli¶
Jekk tibni l-kontenut tal-għodda ta’ valutazzjoni tar-riskji b’mod li tkun konformi mal-mod li bih l-utent aħħari medju jaħseb u jaġixxi tkun qed tagħmel il-kontenut rikonoxxibbli, u jkun aktar faċli li wieħed iwettaq pjan ta’ azzjoni li jindirizza r-riskji b’miżuri fattibbli.
Aspett determinanti ieħor huwa l-lingwa li tuża. Il-lingwa għandha tkun tinftiehem faċilment mingħajr bżonn ta’ interpretazzjoni, u għandek tirreferi għall-oġġetti b’ismijiet li jkunu familjari u komuni għall-intrapriżi.
Sentenzi qosra (idealment ta’ mhux aktar minn għaxar kelmiet) u lingwa ċara li tintuża kuljum u tinqara faċilment minn min mhuwiex tekniku jevitaw li l-utent aħħari jiddejjaq juża l-għodda, u jippermettulu jfassal valutazzjoni u juża l-għodda tal-OiRA kif xieraq.
Fil-bidu tal-għodda tingħata l-opportunità li tikteb ftit kliem ta’ introduzzjoni sabiex tibgħat messaġġ pożittiv u ta’ inkoraġġiment rigward:
- l-importanza tal-valutazzjoni tar-riskji
- il-fatt li l-valutazzjoni tar-riskji mhux bilfors tkun ikkumplikata (l-idea hija li tgħin sabiex tiċċara l-valutazzjoni tar-riskji)
- il-fatt li l-għodda ġiet imfassla speċifikament sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-intrapriżi fis-settur
Huwa importanti li t-test ma jkunx twil iżżejjed; inkella jista’ jaqta’ qalb l-utent aħħari milli juża l-għodda.
2. It-Tim¶
Għalkemm huwa importanti li wieħed iżomm it-tim tal-proġett ġestibbli f’dak li jirrigwarda d-daqs, dan għandu jkun magħmul preferibbilment minn:
- rappreżentant(i) tal-assoċjazzjoni(jiet) tal-kummerċ
- rappreżentant(i) tat-trejdjunjin(s)
- l-iżviluppatur tal-OiRA
- espert dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (b’għarfien u b’affinità mas-settur)
- utenti aħħarin (eż. maniġment jew persunal minn kumpaniji, uffiċjali tat-trejdjunjins, eċċ.)
3. L-Istruttura¶
3.1 Ibni l-kontenut b’mod ġerarkiku¶
Qabel tibda toħloq l-għodda tal-OiRA, nissuġġerulek li tikkunsidra l-għadd ta’ kwistjonijiet li tixtieq tindirizza. Jekk tikkunsidra l-istruttura bir-reqqa, ikun ta’ benefiċċju għalik aktar ’il quddiem, għalhekk għandek tikklassifika s-suġġetti b’mod li jkun rilevanti għall-utenti aħħarin.
Is-sistema toffri mod kif tiġbor is-suġġetti, is-suġġetti sekondarji u t-tipi ta’ riskji flimkien. L-għan ewlieni ta’ dan il-ġbir flimkien huwa li l-utent aħħari jkun jista’ jimla l-għodda ta’ valutazzjoni tar-riskji b’mod aktar faċli/loġiku. B’hekk l-għodda ta’ valutazzjoni tar-riskju tiegħek għandha tinkludi:
MODULI = suġġetti (postijiet, attivitajiet, …)
- Eżempju:
- Modulu 1: Il-Ħasil tax-Xagħar (settur tal-parrukkiera)
MODULI SEKONDARJI (mhux obbligatorji) = suġġetti sekondarji
- Eżempju:
Modulu sekondarju 1: Pożizzjoni biex taħdem
Modulu sekondarju 2: Il-kuntatt mal-ilma u ma’ prodotti kosmetiċi
RISKJI = dikjarazzjonijiet dwar sitwazzjoni f’lokha
- Eżempju:
1.1 Is-sink fejn jinħasel ix-xagħar huwa aġġustabbli
2.1 Li jinxtara tagħmir adattat ta’ protezzjoni, bħal pereżempju ingwanti li jintremew wara l-użu
SOLUZZJONIJIET = miżuri ta’ prevenzjoni rakkomandati mill-espert biex wieħed isolvi l-problema
- Eżempju:
1.1 Ħu pawża regolari biex tkun tista’ tirkupra mix-xogħol fiżiku
2.1 Uża prodotti li ma jkunx fihom trab
Is-sistema toffri wkoll il-possibbiltà li:
- taqbeż modulu wieħed jew sett sħiħ ta’ moduli f’każ li l-kontenut ma jkunx japplika għall-attività tal-kumpanija
- tirrepeti xi wħud mill-moduli fil-każ ta’ kumpaniji li jkollhom diversi fergħat.
3.2 Aħseb dwar ir-riskju bħala dikjarazzjoni pożittiva¶
Ladarba tkun iddeċidejt l-istruttura ewlenija tal-għodda ta’ valutazzjoni tar-riskji tista’ tibda tidentifika u tispjega d-diversi riskji.
Is-sistema taħdem b’dikjarazzjonijiet pożittivi; jiġifieri, tiddikjara jekk sitwazzjoni hijiex ‘f’lokha’ (l-għan li jrid jintlaħaq) jew ‘mhux f’lokha’;
Note
Eżempju: Il-post imdawwal sew
It-tweġiba tal-utent aħħari hija jew ‘iva’ jew ‘le’ ċara. Jekk l-utent aħħari jwieġeb LE (= is-sitwazzjoni mhix f’lokha), il-problema tkun awtomatikament inkluża fil-fażi tal-pjan ta’ azzjoni u l-utent aħħari jkollu jipproponi miżura sabiex jindirizza dan ir-riskju.
3.3 Ikkunsidra t-tipi differenti ta’ riskju¶
Tista’ tagħżel bejn tliet tipi ta’ riskju:
riskju ta’ prijorità: jirreferi għal riskju li s-settur iqis fost l-akbar riskji tas-settur.
Note
Eżempju: Ix-xogħol fl-għoli fis-settur tal-bini: l-armar huwa mibni fuq bażi soda
riskju: jirreferi għal riskji eżistenti fuq il-post tax-xogħol jew marbuta max-xogħol li jsir.
Note
Eżempju: Is-siġġijiet kollha tal-uffiċċji huma aġġustabbli
Biex wieħed jidentifika u jivvaluta ż-żewġ tipi ta’ riskji msemmija hawn fuq spiss ikun meħtieġ li wieħed jeżamina l-post tax-xogħol (idur mal-post tax-xogħol u jara x’jista’ jkun ta’ periklu, jikkonsulta mal-ħaddiema, …).
politika: jirreferi għal ftehimiet, proċeduri u deċiżjonijiet tal-maniġment rigward kwistjonijiet tal-OHS.
Note
Eżempju: Il-manifatturi spiss jiġu mistoqsija dwar prodotti siguri alternattivi
Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ politika jistgħu jingħataw tweġiba minn fuq skrivanija (m’hemmx bżonn ta’ eżami tal-post tax-xogħol).
3.4 Valutazzjoni prestabbilita għar-riskju¶
Għal kull tip ta’ “riskju” tista’ tagħżel bejn żewġ metodi ta’ valutazzjoni:
- Stmat: billi tagħżel bejn għoli, medju jew baxx.
- Ikkalkolat: billi tivvaluta l-probabbiltà, il-frekwenza u s-severità b’mod separat. Imbagħad l-għodda tal-OiRA tikkalkula l-prijorità b’mod awtomatiku.
L-utenti aħħarin ma jkollhomx għalfejn jivvalutaw ir-riskji li ġejjin fil-fażi tal-“Valutazzjoni”:
- Ir-riskji ta’ prijorità (ikkunsidrati awtomatikament bħala “prijorità għolja” u mniżżlin bħala “għolja” fil-pjan ta’ azzjoni)
- Politika (f’sens strett din mhijiex riskju).
3.5 Ipproponi soluzzjonijiet¶
Is-settur ġeneralment ikun informat tajjeb dwar ir-riskji li aktarx li jwasslu għal inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol. Biex tgħin lill-utent aħħari jsib is-soluzzjonijiet għal dawn ir-riskji, inti tista’ tinkludi s-soluzzjonijiet rakkomandati mis-settur/mill-esperti. Waqt li jkun qed jaħdem fuq il-pjan ta’ azzjoni, l-utent aħħari jkollu l-possibbiltà li jagħżel is-soluzzjonijiet u jadattahom (jemenda t-test) skont is-sitwazzjoni prevalenti fl-intrapriża tiegħu.
Note
Id-dokumenti kollha meħtieġa huma disponibbli fuq is-sit tal-komunità tal-OiRA http://www.oiraproject.eu/doc/